Fittex Rumanz

Kotba Ġodda

Ċeċilja, Bint il-Bojja ta' Torin
Ċeċilja, Bint il-Bojja ta' Torin
Prezz: €9.90
Ester, Vittma tar-Regħba
Ester, Vittma tar-Regħba
Prezz: €9.95
Emilio Lombardi (1881-1956) Print E-mail

Kittieb ta’ numru sabiħ ta’ rumanzi u kotba oħra bil-Malti li l-iskop tiegħu kien li jagħti f’idejn il-qarrej kotba ta’ mogħdija ta’ żmien bla telf ta’ żmien għaliex min jaqrahom isib x’jitgħallem. Fil-fatt ir-rumanzi ta’ Emilio Lombardi huma tajbin għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar u fihom ħafna tagħlim storiku, soċjali u morali.

Fi żmien ħamsin sena, Emilio Lombardi kiteb ħafna rakkonti li bihom ta lill-qarrej Malti kotba mhux biss għall-mogħdija taż-żmien imma wkoll biex jagħti messaġġi pożittivi lil min jaqrahom. Fost dawn ir-rakkonti nsibu L-Agħma ta' Lourdes, Is-Sigriet tal-Qrar, L-Iltiema, Tgħallaq u Baqa' Ħaj, li għadhom jiftakruhom ħafna Maltin, għaliex inqraw diversi drabi fuq il-mezzi tax-xandir. Xi wħud minn dawn il-kotba reġgħu ġew stampati u addattati għal żminijietna u oħra għad iridu jiġu ppubblikati aktar ’l quddiem.

Emilio Lombardi twieled ġewwa Lixandra ta' l-Eġittu fl-14 ta' Jannar ta' l-1881 minn Giovanni Lombardi u Giuseppina Weiss. Huwa nġieb Malta meta kellu għaxar snin.

Sa minn meta kien għadu żgħir kellu ġibda kbira lejn is-sengħa ta' l-istampar u meta kien għadu daqsxejn ta' żagħżugħ impjega ruħu fi stamperija ġewwa l-belt Valletta ma' ċertu Karmnu fi Strada Sant'Ursla.

Tant għoġbitu din is-sengħa, li xtaq li xi darba jkollu l-istamperija tiegħu u kif kien jgħid huwa stess, darba staqsa lill-imgħallem tiegħu, bis-sempliċita' kollha, xi kemm ried flus biex jagħmel stamperija.

Sa minn meta kellu dsatax-il sena beda jħarreġ it-talent tal-kitba. Meta kellu għoxrin sena, eżattament fil-21 ta’ Ottubru, 1901, huwa iżżewweġ lil Fortunata Galea, mill-Belt, mara attiva ħafna tant li barra li kienet tlaħħaq max-xogħol tad-dar kienet tmur tgħin lil żewġha fl-istamperija. Meta żżewweġ huwa mar joqgħod ġewwa tas-Sliema, ir-raħal tiegħu, fi Triq San Trofimu, Nru. 92. Huwa kellu disat itfal, seba' subien u żewġt ibniet, li xi wħud minnhom wara li ħadu l-edukazzjoni tagħhom taħt il-Frères, kienu jaħdmu miegħu fl-istamperija.

Emilio, jew Milju, kif kienu jafuh ħafna, kien tant miġbud lejn is-sengħa tiegħu li sa l-1902 kien ġa qata' xewqtu u kellu l-istamperija tiegħu li kienet iġġib l-isem ta’ Tipografia Nazionale u li kienet tinsab fi Triq l-Iljun Nru.1, Il-Furjana, fejn illum hemm il-‘Caritas’, post magħmul minn kamra waħda u forsi xi daħla fil-ħajt. Hawn huwa stampa tliet kotba: Tgħallaq u Baqa' Ħaj, Imħabba Misħuta u Teodolika li kollha ġew stampati fl-1902 u li fuqhom kiteb Stampati fit-’Tipografia Nazional, Nru 1, Strada Leone, Balzunetta.

Imma l-imħabba lejn Tas-Sliema ġiegħlitu jsib daqsxejn ta’ kamra fi Strada Marina (illum Triq ix-Xatt) Nru 17, u hemm rama l-istamperija tiegħu, li taha l-isem ta’ Stamperija Lombardi.

Hawn huwa stampa diversi kotba, fosthom Bint il-Bojja(1904), Il-Vittmi ta’ l-Interess(1908), Il-Vendetta ta’ l-Ilsir (1908) L-Istorja Sagra (1909-1911) jew il-Bibbja taħt forma ta’ rakkont miktub f’erba’ volumi mdaqqsin u Bertu jew Il-Misteri tal-Palazz ta’ L-Ingwiżitur tal-Birgu (1911).

Għalkemm huwa kien irnexxielu jmidd riġlejh f’Tas-Sliema, madankollu ma kienx kuntent li jibqa’ fit-trufijiet tagħha, iżda ried jidħol fil-qalba, qrib il-Knisja tal-Madonna tas-Sacro Cuor, li huwa tant kien iħobb, u fl-1912 huwa stabbilixxa l-istamperija tiegħu fi Triq San Trofimu, kantuniera ma’ Triq Santa Marija, fejn għadha tinsab sa llum. Minn hawn ħarġu l-kumplament tal-kotba tiegħu li jlaħħqu ’l fuq minn mitt ktieb.

Fil-bidu tal-ħamsinijiet Emilio ħaseb biex iwelli l-istamperija liż-żewġ uliedu, Vincent u Joseph li kienu għadhom jaħdmu miegħu. Iżda huwa qatt ma kkunsidra ruħu bħala pensjonant għax minkejja li ħalla l-istamperija f’idejn uliedu huwa baqa’ jinżel hemm jgħinhom. Issa Emilio kien waqaf mill-kitba, iżda x-xogħol iebes li kien għamel matul dawk il-ħamsin sena ta’ kitba swielu għaliex bħalma ġieli għamel qabel kien iħajjar lil uliedu jistampaw rumanzi li jkunu spiċċaw mill-idejn u jagħmlu t-tieni jew it-tielet edizzjoni.

Bħala karattru kien bniedem eżemplari, miġbur u jħobb ħafna l-familja, lil Malta u lir-reliġjon. Kif jidher mill-kotba tiegħu kien bniedem reliġuż ħafna u jħobb ħafna l-patrijiet speċjalment tal-parroċċa tas-‘Sacro Cuor’ fejn huwa kien joqgħod.

Emilio Lombardi kien bniedem li impenjat u barra x-xogħol tal-kitba u ta’ l-istamperija kien jieħu wkoll xogħol ta’ legatura tal-kotba.

Madankollu, għalkemm kien bniedem tant okkupat, kien bniedem soċjali u fil-ħin liberu tiegħu kien ukoll jgħin fil-Każin tal-Banda ‘Sliema’ fejn kien membru fil-kumitat u jgħin fit-tmexxija tal-każin. Kien ukoll imdaħħal fi gruppi lajċi tal-parroċċa mmexxija mill-Franġiskani Minuri u kien miktub bħala terzjarju fil-konfraternita’ tagħhom. Kien jattendi għal-laqgħat u jorganizzalhom anke xi ħarġiet. Fi żmien il-festa arah sejjer biċ-ċoqqa f’idu biex jakkompanja fil-proċessjoni bħala terzjarju.

Ħaġa li tiskantak kienet, li wara dawn l-impenji kollha kien isib il-ħin isiefer xi safra aktarx organizzata mill-patrijiet Franġiskani. Mar l-Italja, Londra, Pariġi, Spanja, Fatima u anke l-Art Imqaddsa. Ma setax jonqos li Emilio fis-safar tiegħu ma kienx josserva kollox biex dak li jara jiswielu għall-kotba li kien jikteb. Dan kollu juri li kien bniedem ta’ kuraġġ kbir u ma kienx jaqta’ qalbu.

L-edukazzjoni kien iħobbha u ’l uliedu kollha ried jagħtihom edukazzjoni tajba tant li kollha tista’ tgħid trabbew għand il-Freres. L-aktar li kien jaf kien bit-Taljan billi missieru kien Taljan, iżda kien beda jitgħallem waħdu l-Ingliż minn fuq il-ktieb IL-KLIEM INGLIŻ miktub minn Manwel Dimech. Kellu xewqa kbira wkoll li jitgħallem l-Esperanto li kienet lingwa internazzjonali, li l-ewwel grupp f’Malta twaqqaf fl-1906.

Fit-17 ta’ Ġunju, 1956, Emilio Lombardi ħassu ħażin fuq iz-zuntier tal-knisja tas-‘Sacro Cuor’. Kien lejliet il-festa tal-Madonna tas-‘Sacro Cuor’, li huwa tant kien iħobb u jaħdem għaliha. Huwa dam jumejn mitluf minn sensieh u fit-18 ta’ Ġunju, fit-8.40 ta’ filgħaxija ħalla dan il-wied ta’ dmugħ fl-età ta’ 75 sena.

Huwa dejjem ħaseb f'dan il-mument u għalhekk sa minn kmieni ħaseb biex jixtri qabar għalih u għall-membri tal-familja tiegħu. Huwa jinsab midfun fiċ-ċimeterju ta’ l-Addolorata fuq il-lemin tal-kappella prinċipali.

L-istamperija tiegħu llum għadha f’idejn in-neputijiet tiegħu taħt l-isem ta’ Lombardi’s Press. Illum m’għadhom jiġu stampati rumanzi fiha iżda tagħmel xogħol ieħor kummerċjali. Fost in-neputijiet tiegħu Elio biss, it-tifel ta’ Joseph, li ħareġ jixbah lil nannuh f’dik li hi kitba. Infatti huwa kiteb diversi rumanzi u stejjer li mbagħad għamilhom bħala films. Huwa rsista wkoll biex nannuh jiġi rikonoxxut mill-awtoritajiet u jsemmu triq għalih. Fil-fatt Trejqet Emilio Lombardi (Rumanzier) tinsab fi Triq Manwel Dimech, Tas-Sliema, ftit ’il bogħod minn fejn kien joqgħod, fi Triq il-Freres.